L-Ewwel Għajnuna għal Xerqa fit-Tfal

It-tarbija jew it-tifla turik li qed tixraq għax tibda tisgħol f’daqqa, tagħmel ħsejjes li qed tifga, jew iżżomm għonqha.
(1) 5 daqqiet fuq id-dahar

Jekk Tisgħol bis-Saħħa

Jekk it-tarbija jew it-tifla qiegħda tisgħol bis-saħħa, inkorraġġiha tkompli tisgħol biex taqla’ l-oġġett li tkun xerqet fih. Ħafna drabi m’hemmx bżonn tintervjeni, imma jekk tieqaf tisgħol jew tisgħol bla saħħa, tkun trid tgħinha int.


Jekk Tisgħol Bla Saħħa

Jekk it-tarbija tkun għadha f’sensiha u mhix tisgħol bis-saħħa, żommha wiċċha ’l isfel fi driegħ wieħed (1), u agħti ħames daqqiet bl-għarqub t’idek l-oħra bejn il-ġwienaħ tad-dahar.

(2) 5 għafsiet fuq is-sider
Jekk l-oġġett ma jinqalax, dawwar it-tarbija fuq daharha (2), imżerrżqa ‘l isfel, serraħ rasha u għonqha f’idek, u bl-id l-oħra agħfas b’saħħtek fuq in-nofs tas-sider għall-ħames darbiet.

Fi tfal akbar minn sena; żomm it-tifla bil-wieqfa, b’rasha baxxuta, u agħti 5 daqqiet fuq id-dahar. Jekk l-oġġett ma jinqalax, ħaddanha minn wara (3) – agħmel il-ponn u aqbad din l-id b’idek l-oħra. Qiegħed l-ponn fl-istonku ’l isfel mill-qafas tas-sider. Iġbed b’saħħa ’l ġewwa u ‘l fuq. Irrepeti għall-5 darbiet.


Jekk Tintilef minn Sensieha

Jekk it-tarbija jew tifla tintilef minn sensiha, middha fuq daharha fuq mejda jew fl-art; iftaħ il-ħalq, jekk ikun hemm xi oġġett jidher, ipprova neħħih b’subgħajk. Jekk ma jirnexxilikx, agħti ħames nifsijiet; jekk ma jkunx hemm ebda rispons, ibda ‘CPR’– għall kull 15-il għafsa f’nofs is-sider, agħti żewġ nifsijiet, u kompli sejjer hekk.

(3) Heimlich - fi tfal akbar
Sejjaħ għall-għajnuna. Ċempel 112 għall-ambulanza.


Fil-Qosor
  1. Solgħa bis-saħħa: ħalliha tisgħol. 
  2. Solgħa bla saħħa: 5 daqqiet fuq id-dahar; 5 għafsiet fuq is-sider/żaqq.
  3. Jekk tintilef minn sensieha: iftaħ il-ħalq u pprova neħħi l-oġġett; 5 nifsijiet; ibda CPR 15:2.